logo

Hauler finalIl-Burdnara Sectional Committee fi ħdan il-GRTU tistqarr it-tħassib tagħha dwar id-dewmien żejjed u l-mod li qegħdin jiġu trattati burdnara li joperaw mill-Port Ħieles

Dan id-dewmien b’mod partikolari, qiegħed jinħass nhar ta’ Tnejn fejn jidħlu ammont kbir ta’ trailers. Il-GRTU tirrimarka li kienet ressqet suġġerimenti minħabba n-numru kbir ta’ trailers li kull ma jmur qegħdin jidħlu fil-Port Ħieles. Fid-dawl ta’ dan, bl-istess mod għandhom jiżdiedu r-riżorsi u l-investimenti tal-Malta Freeport Corporation biex il-ħruġ jkun faċilitat. Il-GRTU ilha żmien twil tisħaq biex tiġi miftuħa gate oħra eżistenti u jiżdied l-istaff biex b’hekk jitħaffef l-proċess u jittaffa d-dewmien esaġerat li jiffaċċjaw ma’ wiċċhom il-membri tal-GRTU ta’ kuljum. Din il-gate għandha tintuża għal ħruġ ta’ Roro trailers u xogħol ieħor konvenzjonali bħal żrar u ħadid li żdied fil-Port Ħieles. Il-gate prinċipali u eżistenti għandha tibqa’ tintuża biss għal ħruġ ta’ containers.

 

Il-GRTU tinnota li l-proċedura li bdiet titħaddem fl-aħħar xhur fuq li scanning tal-containers qed toħloq dewmien żejjed u spejjeż żejda għan-negozju tal-burdnara. Il-GRTU tinsisti, li l-containers li dwarhom tkun meħtiega scan, mal-wasla tagħhom f’Malta, għandhom jintbagħtu għal dan l-scan, immedjatament meta l-container jinħatt minn fuq il-vapur fi triqtu lejn il-post fejn se jinħazen ġewwa l-Port Ħieles. Dan anke fid-dawl li l-Port Ħieles jieħu ħlas ta’ €194.97 fuq containers tal-għoxrin u €306.38 fuq containers tal-erbgħin pied. Għaldaqstant, l-scan hija parti mir-responsabilità tal-Port Ħieles u mhux tal-burdnara. B'riżultat ta’ dan il-GRTU tinsisti li għandu jkun hemm iktar effiċjenza f'dan l-proċess.

Fuq il-banda l-oħra, l-GRTU ilha żmien twil tisħaq li għandhom isiru iktar sforzi biex titwaqqaf il-kompetizzjoni nġusta speċjalment fuq xogħol li għandha titħallas SISA fuqu u li jiġi fi ‘groupage trailers’. Dan wara li ġie nnottat li l-groupage trailers mhux kollha qed jitilgħu Hal Far Groupage Complex meta jiġu mil-Portijiet Maltin, imma xi wħud qed jittieħdu direttament f'bondijiet privati. Tista’ d-Dwana tikkonferma li xogħol li ġej bill-baħar u fi ‘goupage trailers’ qiegħed jiġi sottopost għal-istess livell ta' skrutinju bħal ma jiġi sottopost xogħol li jgħaddi mill-Hal Far Groupage Complex? Dan għaliex merkanzija oħra li tgħaddi minn Hal Far Groupage Complex, fejn il-Membri ta' dwana huma preżenti, tiġi ċċekjata u jsiru l-kontrolli kollha biex jiġi aċċertat li l-merkanzija tiġi ddikjarata, tkun konformi mall-liġi u kull ħlas neċessarju ikun sar. B’riżultat ta' dan, tista' id-Dwana tikkonferma kif qed isiru kontrolli fuq trailers li jintħattu f'bonds privati bl-istess mod li qegħdin isiru fil-Hal-Far groupage Complex? F’dan ir-rigward il-GRTU issostni li biex titwaqqaf il-kompetizzjoni nġusta anke fuq l-importaturi li l-merkanzija tagħhom tiġi iċċekjata u proċessata kif tgħid il-liġi, l-Groupage trailers li jġorru merkanzija u li jkunu suġetti għal SISA, għandhom jintbagħtu fil-Hal-Far Groupage Complex.

Il-GRTU tinnota li diġa' attendiet għal diversi laqgħat mal-Awtoritajiet kollha responsabbli fosthom id-Dwana u l-Port Ħieles iżda ma kien hemm l-ebda żviluppi fuq dawn l-proċeduri nkwetanti għal burdnara u għall-operat ġust tal-verifiki marbuta mal-merkanzija. Il-GRTU tinsisti li dawn it-talbiet u mistoqsijiet jiġu ndirizzati mingħajr dewmien. Il-GRTU se tkun qed tistenna li l-Gvern jikkomunika mal-GRTU f’perjodu ta' 10 t'ijiem biex jiġu ndirizzati b'mod effettiv dawn l-materji. Fin-nuqqas ta' qbil jew azzjoni effettiva, il-GRTU se tkun qed tieħu l-azzjonijiet kollha meħtiega. 

0
0
0
s2sdefault

© 2014 - All rights reserved - GRTU - Malta Chamber of SMEs
Content may not be peproduced or republished without prior consent