Employers & Jobseekers

Employers and Jobseekers

GRTU Annual Report 2015

Click to view

GRTU Business Surveys

2014 Business Performance Survey

2015 Business Performance Survey

Jitħabbar pjan ta' azzjoni dwar kif għandu jigi indirizzat l-iskart mill-ikel

L-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat habbar pjan ta’ azzjoni dwar kif għandu jiġi indirizzat l-iskart mill-ikel li ser jiġi integrat fil-ġejjieni qrib fil-pjan nazzjonali edukattiv dwar l-immaniġġjar tal-iskart li ser jkun mifrux fuq medda ta’ tliet snin waqt konferenza stampa li saret l-Erbgha 14 ta’ Jannar 2015. 
 
Il-Ministru Brincat qal li r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport huma frott tal-ħidma ta’ working group indipendenti, li kien ħatar huwa stess taħt iċ-Chairpersonship ta’ Ms Lisa Cassar Shaw, bil-għan li mhux biss jiġi indirizzat l-iskart mill-ikel fid-djar Maltin u Għawdxin iżda wkoll dak l-iskart iġġenerat minn stabbilimenti kummerċjali, tal-ikel u tal-catering.
Il-working group kellu rappreżentanza wiesgħa minn entitajiet direttament involuti fl-immaniġġjar tal-iskart mill-ikel bħas-setturi tal-catering u l-ospitalità, is-supermarkets, il-kunsilli lokali, is-settur tas-saħħa, l-operaturi tal-iskemi fil-qasam tal-iskart, akkademiċi, edukaturi u anki rappreżentanza tal-Oppożizzjoni.
 
Il-Ministru Brincat qal li sa mill-bidu nett huwa kien għamilha ċara li aktar milli xi rapport twil u dettaljat f’għamla ta’ teżi, ried pjan ta’ azzjoni li jista’ jitwettaq f’mod prattiku billi qabel xejn jidentifika dawk l-attivitajiet u sorsi li l-aktar qegħdin joħolqu skart mill-ikel fil-gżejjer Maltin u Għawdxin. 
 
Ir-rapport jagħfas kemm fuq in-nuqqas ta’ tagħrif xieraq dwar is-suġġett, dwar l-attitudni żbaljata ta’ għadd ta’ nies, dwar preferenzi ħżiena fl-għażliet li jsiru fix-xiri u fil-konsum, dwar il-bżonn ta’ ppjanar u labelling aħjar, dwar kif għandu jiġi maħżun (storage) l-ikel, dwar l-ippakkiġġjar innifsu, dwar  id-daqs tal-porzjonijiet tal-ikel servut kif ukoll dwar għadd ta’ fatturi soċjo-ekonomiċi oħrajn.
 
Rakkomandazzjonijiet speċifiċi saru wkoll għall-istabbilimenti kummerċjali u tal-catering.
Il-Ministru Brincat qal li l-Gvern ma qagħadx jistenna li jiġi ppubblikat dan ir-rapport biex jibda bil-ħidma tiegħu biex iqajjem kuxjenza akbar dwar dan is-suġġett. Dan għamlu diġà permezz ta’ riklami televiżivi, kif ukoll permezz ta’ kampanja li tinsab għaddejja kemm permezz ta’ led boards u anki permezz tas-social media taħt it-tema ta’ ‘Agħmel id-differenza’.  
 
Min-naħa tagħha ċ-Chairperson Ms Lisa Cassar Shaw qalet li dan il-working group li ltaqa’ diversi drabi waqt ix-xhur tas-sajf, mexa id f'id sabiex jiġi milħuq l-iskop ta' din l-inizjattiva. Dan sar grazzi għall-membri li attendew u pparteċipaw b'mod attiv waqt dawn il-laqgħat sabiex b'hekk tittieħed azzjoni sostenibbli fir-rigward tal-ħela tal-ikel. B'hekk Ms Cassar Shaw hi konvinta li l-fatt li l-working group kien iffurmat minn individwi minn setturi varji, wassal għal rapport konċiż u effettiv. Ms Cassar Shaw irringrazzjat lill-Ministru Brincat talli emmen fiha, kif ukoll lill-membri kollha li taw il-kontribut tagħhom sabiex jintlaħaq dan il-għan. 
 
 
 
Author: GRTU Admin